Ana səhifə

Ecos-v-063 Il-110 Sessjoni Plenarja tal-11-13 ta' Frar 2015


Yüklə 49.26 Kb.
tarix04.05.2016
ölçüsü49.26 Kb.



ECOS-V-063

Il-110 Sessjoni Plenarja tal-11-13 ta' Frar 2015


Rue Belliard/Belliardstraat 101 — 1040 Bruxelles/Brussel — BELGIQUE/BELGIË —

Tel. +32 22822211 — Faks +32 22822325 — Internet: http://www.cor.europa.eu

MT


ABBOZZ TA' OPINJONI

Is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)



_____________
Relatur: is-Sur Töns (DE/PSE)

Membru tal-Parlament tal-Land ta' Nordrhein-Westfalen



_____________





Data tal-għeluq għat-tressiq tal-emendi:
Wara deċiżjoni tal-President tal-KtR skont l-Artikolu 15(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat u fid-dawl tal-mandat il-ġdid futur tal-KtR, id-data tal-għeluq għat-tressiq tal-emendi ġiet iffissata għall-5 ta' Frar 2015 fit-3 p.m. (ħin ta’ Brussell).
Numru ta’ firem meħtiġin: 6




Dokument ta' referenza




Abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)
I.KUMMENTI ĠENERALI
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ifakkar li l-Unjoni Ewropea (UE) hija aktar minn sempliċi komunità ekonomika, u teqreb iżjed lejn komunità ta' valuri – kif stabbilit fil-Preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – li tqiegħed lill-individwi fil-qalba tal-attivitajiet tagħha; ifakkar ukoll li l-UE tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-valuri komuni filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-popli tal-Ewropa kif ukoll l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;




jilqa' b'sodisfazzjon li d-direttivi ta' negozjati jirrikonoxxu d-dritt tal-partijiet li qed jinnegozjaw li "jadottaw, iżommu u jinforzaw miżuri neċessarji sabiex jiġu segwiti objettivi ta' politika leġittimi bħall-protezzjoni tas-soċjetà, l-ambjent u s-saħħa pubblika, jiġu żgurati l-integrità u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja, jiġu promossi s-sigurtà u s-sikurezza pubblika, u tiġi promossa u protetta d-diversità kulturali";




jinnota li n-negozjati dwar il-ftehimiet trans-Atlantiċi ta' kummerċ ħieles jinkludu oqsma li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza legali tal-livelli governattivi u amministrattivi kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u fid-dawl ta' din id-dimensjoni lokali u reġjonali konsiderevoli tal-ftehim, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinkludih fil-Grupp Konsultattiv bħala assemblea tar-rappreżentanti lokali u reġjonali tal-UE sabiex jiġi żgurat l-involviment u l-parteċipazzjoni minn stadju bikri tal-livell reġjonali, muniċipali u lokali fin-negozjati;




madankollu, jiddispjaċih li s'issa l-Kummissjoni Ewropea ma inkludietx il-Kumitat tar-Reġjuni bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili fil-grupp konsultattiv tagħha;




jinnota li l-ftehim propost dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment iwitti t-triq għall-ftehimiet kollha ta' kummerċ u ta' investiment, bilaterali u multilaterali, tal-ġejjieni, bħal pereżempju l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS);




jenfasizza l-bżonn li tinżamm il-flessibbiltà regolatorja li teżisti bħalissa fl-Istati Membri kif ukoll dik tal-ġejjieni, speċjalment fil-qasam tal-istabbiliment ta' standards ta' protezzjoni u tas-servizzi ta' interess ġenerali. Il-garanzija tal-flessibbiltà hija indispensabbli l-iktar għall-intrapriżi tas-servizzi pubbliċi, peress li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali; jenfasizza wkoll il-prinċipju fundamentali stabbilit fit-Trattati tar-rispett tal-awtoregolamentazzjoni lokali u reġjonali; jinnota li dan il-ftehim se jkun ta' benefiċċju għall-intrapriżi ta' kull daqs, notevolment l-SMEs li m'għandhomx riżorsi finanzjarji, legali u oħrajn biex ilaħqu mad-differenzi regolatorji u ostakoli oħra għall-kummerċ;




jassumi li t-TTIP jista' jkun opportunità biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjieg fl-UE, peress li jista' jipprovdi aċċess reċiproku għas-suq għall-kummerċ ta' prodotti, servizzi, u investimenti, kif ukoll l-akkwist pubbliku u dispożizzjonijiet regolatorji miftuħa u jnaqqas l-ostakli kummerċjali nontariffarji (ONT);




jinnota li, fid-dawl ta' dazju doganali medju ta' 2 %, l-ispinta għat-tkabbir partikolarment mistennija mill-Kummissjoni Ewropea għandha tinsab prinċipalment fil-konverġenza tad-dispożizzjonijiet regolatorji u t-tnaqqis tal-ONT;




madankollu, jinnota li ftehim b'kamp ta' applikazzjoni daqshekk globali jipprovdi oppportunitajiet iżda jinvolvi wkoll riskji u, f'dan il-kuntest, jenfasizza b'mod espliċitu li l-parteċipazzjoni demokratika u l-kompetenzi tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali, muniċipali u reġjonali bl-ebda mod m'għandhom jiġu limitati jew jiddgħajfu;




jilqa' b'mod favorevoli d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li jippubblika l-mandat ta' negozjar tat-TTIP. Il-KtR jiddispjaċih li dan seħħ diversi xhur wara li kien diġà ġie żvelat fuq l-internet, kif ukoll il-fatt li r-restrizzjonijiet fuq il-mandat ta' negozjar għadhom pjuttost kbar. Għalhekk iridu jitnaqqsu sabiex jiġi garantit aċċess aħjar għall-pubbliku fir-rigward tal-qagħda tan-negozjati;




jinnota wkoll li, fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti, għandu jiġi garantit f'kull ħin il-kontroll demokratiku tan-negozjati u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jiżguraw negozjati kemm jista' jkun trasparenti. F'termini konkreti dan ifisser li għandhom jiġu ppubblikati d-dokumenti essenzjali kollha u, fejn possibli, jiġu preżentati fil-ħin u b'mod komprensiv id-direttivi ta' negozjati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-gruppi soċjali rilevanti kollha kif ukoll liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea;




jenfasizza li t-TTIP huwa ftehim imħallat, li huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u għandu jiġi ratifikat ukoll minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat jisa' jirrikjedi mhux biss l-approvazzjoni tal-parlament nazzjonali iżda wkoll l-approvazzjoni tal-gvern, il-parlament jew il-kamra li jirrappreżentaw il-livell reġjonali;




jistieden lill-Kummissjoni taħdem sabiex il-ftehim dwar it-TTIP jiġbor fih approċċ ta' elenkar pożittiv u biex tirrifjuta approċċ ta' elenkar negattiv u l-hekk imsejħa klawżoli "krikk" (ratchet clauses);




iqis li l-livell għoli ħafna tal-istandards ta' protezzjoni Ewropej li jeżistu għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea huwa kisba ewlenija li għandha tiġi protetta kemm jista' jkun u jħeġġeġ li l-istandards legali eżistenti fl-Istati Membri tal-UE, pereżempju dwar is-sigurtà tal-prodotti, il-protezzjoni tas-saħħa, soċjali, ambjentali, tal-klima, alimentari u tal-annimali kif ukoll id-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data, fl-ebda każ m'għandhom jonqsu iżda pjuttost għandhom jittejbu;




jitlob li l-imsieħba fin-negozjati jaħdmu favur it-titjib ta' dawn l-istandards u, jekk ikun hemm bżonn, għall-adozzjoni jew ir-rikonoxximent tal-ogħla livell ta' standards ta' protezzjoni tal-pajjiżi msieħba u jitlob ukoll biex dawn l-istandards ta' protezzjoni jiġu ottimizzati fil-futur mingħajr l-ebda restrizzjoni u jiġu aġġustati b'mod unilaterali min-naħa tal-Istat Membru skont l-aħħar għarfien xjentifiku;




jafferma wkoll li d-dettalji importanti kollha tal-ftehim għandhom jiġu negozjati u li ma għandu jkun hemm l-ebda trasferiment addizzjonali ta' kwistjonijiet regolatorji – li jevitaw il-proċess leġislattiv demokratiku – lejn korpi ta' esperti speċjalizzati stabbiliti apposta;




jiddispjaċih li l-monitoraġġ, id-dekodifika u l-analiżi fil-livell globali tal-komunikazzjoni elettronika mis-servizzi tal-intelliġenza, fost oħrajn mill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana (National Security Agency – NSA) kif ukoll minn aġenziji tal-intelliġenza ta' pajjiżi ħbieb tal-UE, kellhom impatt negattiv dejjiemi fuq il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-istandards ta' protezzjoni tad-data internazzjonali u vinkolanti u f'dan il-kuntest jitlob lill-partijiet tan-negozjati jiggarantixxu d-dritt għall-privatezza u jissalvagwardjaw il-libertà u d-drittijiet taċ-ċittadini anke fl-internet;




jinnota li l-acquis tal-UE (l-"acquis communautaire") jistipula b'mod vinkolanti dispożizzjonijiet fil-qasam tal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kif ukoll dwar is-sikurezza okkupazzjonali u s-sigurtà tal-prodotti u, f'dan il-kuntest, jenfasizza li l-intrapriżi multinazzjonali għandhom jikkonformaw b'mod espliċitu mal-istandards ewlenin tal-ILO fil-qasam tax-xogħol u l-linji gwida tal-OECD anke fil-qafas ta' negozjati ulterjuri tat-TTIP;




huwa kontra li d-drittijiet ta' protezzjoni eżistenti u futuri tal-ħaddiema, bħad-dritt għall-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni tax-xogħol u drittijiet oħra tal-protezzjoni tal-ħaddiema, jiġu definiti bħala ostakoli kummerċjali nontariffarji fit-TTIP; barra minn hekk, ir-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-awtonomija fin-negozjar kollettiv, il-libertà ta' assoċjazzjoni, id-dritt tal-istrajkar, il-paga minima u l-ftehimiet kollettivi ta' Stat Membru tal-UE m'għandhomx ukoll jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali;




jilqa' l-fatt li skont il-mandat ta' negozjar tal-UE "il-kwalità għolja tal-utilitajiet pubbliċi tal-UE għandha tiġi preservata skont it-TFUE u b'mod partikolari l-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali, u fid-dawl tal-impenn tal-UE f'dan il-qasam, inkluż il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS)"; madankollu f'dan il-kuntest jirreferi għad-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li skonthom l-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali(Artikolu 4(2) tat-TUE);




jenfasizza bħala prinċipju li l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha tiġi żgurata bħala waħda mill-oqsma ewlenin tad-dritt għall-awtonomija muniċipali u li r-remuniċipalizzazzjoni għandha tibqa' għalkollox possibbli skont is-sitwazzjoni lokali u abbażi tar-rieda tal-votanti lokali;




ifakkar b'insistenza li l-mandat ta' negozjar tal-Kummissjoni ma jmurx lil hinn mill-qafas kostituzzjonali – li jfisser li għandha tiġi rispettata l-protezzjoni tal-Istati Membri f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta' interess ġenerali;




jinnota li, skont il-paragrafu 20 tal-mandat ta' negozjar tal-UE, is-servizzi li jitwettqu fi ħdan l-eżerċizzju tal-awtorità governattiva huma esklużi mill-mandat ta' negozjar u jitlob li jiġi ċċarat li għalhekk dan jeskludi min-negozjati s-servizzi li huma kkunsidrati mill-ġurisprudenza tal-partijiet kontraenti jew tal-membri tagħhom bħala servizzi li jitwettqu fl-eżerċizzju tal-awtorità governattiva;




jinnota li s-servizzi pubbliċi msemmija fil-paragrafu 19 tal-mandat ta' negozjar tal-UE jirreferu għas-servizzi li huma soġġetti għal sistemi regolatorji speċifiċi jew kkaratterizzati minn impenji speċifiċi imposti fuq il-provvedituri tas-servizzi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-interess ġenerali, skont il-ġurisprudenza ta' kull parti kontraenti jew ta' kull membru; dawn jinkludu pereżempju l-provvista tal-ilma u tal-enerġija, ir-rimi tal-iskart u tad-drenaġġ, is-servizzi tal-emerġenza, is-saħħa pubblika u s-servizzi soċjali, it-trasport pubbliku u l-abitazzjoni, miżuri ta' pjanar urban u ta' żvilupp urban;




jitlob lill-Kummissjoni biex, għas-servizzi pubbliċi taħt il-paragrafu 19 tal-mandat ta' negozjar tal-UE, tipprovdi eċċezzjoni orizzontali mill-obbligi kollha tal-prinċipju tal-aċċess għas-suq u tat-trattament nazzjonali u, fir-rigward tas-servizzi pubbliċi, jitlob li tiġi infurzata eċċezzjoni għas-setturi kollha u għall-miżuri eżistenti u dawk futuri sabiex il-partijiet kontraenti jillimitaw in-numru tas-servizzi u tal-provvedituri tas-servizzi, sabiex il-provvedituri tas-servizzi jimponu obbligi speċifiċi u jirregolaw id-dispożizzjonijiet ta' dawn is-servizzi fil-qafas tal-interess ġenerali;




jinnota li ma jqisx bħala neċessarju l-ftuħ ulterjuri, speċjalment għas-servizzi edukattivi ffinanzjati minn sorsi differenti, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni preskolari, l-iskejjel, l-universitajiet u l-edukazzjoni tal-adulti u t-tagħlim tul il-ħajja, peress li l-ftehim multilaterali tal-GATS diġà jinkludi diversi obbligi dwar il-liberalizzazzjoni fil-qasam tas-servizzi;




jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-investitur u l-istat (ISDS) u jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni tikkunsidra r-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni fil-valutazzjoni finali tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim. Barra minn hekk, jilqa' wkoll li l-Kummissjoni l-ġdida mhux ser taċċetta li l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Membri tal-UE tkun limitata minħabba regoli speċjali għall-ilmenti tal-investituri u li l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza quddiem il-liġi għandhom japplikaw ukoll f'dan il-kuntest;




javża li jeżistu riskji kbar assoċjati mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment u mal-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-investitur u l-istat applikabbli għar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti (ISDS), li jmorru kontra l-ġurisdizzjonijiet ordinarji, u għaldaqshekk mhumiex ikkunsidrati bħala neċessarji. L-acquis leġislattiv Ewropew m'għandux jiġi affettwat mill-ftehim trans-Atlantiku ta' kummerċ ħieles u l-proċess legali quddiem il-qrati statali nazzjonali, li ġie pprovat, għadu miftuħ;




jenfasizza li l-miżuri politiċi u amministrattivi li jgawdu minn leġittimità demokratika u l-istat tad-dritt m'għandhomx jiġu dubitati mit-tribunali tal-arbitraġġ b'mod speċjali fir-rigward ta' talbiet għal kumpens għad-danni b'mod retorattiv u li l-klawżoli dwar il-protezzjoni tal-investiment fit-TTIP bl-ebda mod m'għandhom iwasslu biex il-liġi regolatorja statali tiġi affettwata b'mod dirett jew indirett;




jinnota li l-leġislazzjoni fil-livell reġjonali u lokali, li tirregola b'mod ġenerali l-istituzzjonijiet tat-tfaddil jew il-banek tal-Länder tal-Ġermanja (Landesbank), ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ostaklu għall-aċċess għas-suq u jistgħu jitressqu azzjonijiet kontra l-investituri interessati biss fid-dħul fis-suq;




jinnota li attwalment 85 % tas-sejħiet għall-offerti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea diġà huma aċċessibbli għal offerenti Amerikani għall-kontra tat-32 % tas-sejħiet għall-offerti Amerikani biss li huma aċċessibbli għal offerenti mill-UE, u dan l-iżbilanċ jiġi aggravat minħabba s-sistema ta' "opt-in" tal-pajjiżi tal-Istati Uniti. Għaldaqstant, dan il-ftehim għandu jippromovi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn iż-żewġ partijiet;




jenfasizza li m'għandux jinxteħet dubju fuq l-aspetti tal-istabbiliment ta' standards tal-liġi Ewropea dwar l-akkwist, speċjalment jekk nikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħhom fi-livell reġjonali u lokali, pereżempju fir-rigward tar-rispett ta' standards dwar il-liġi tax-xogħol, soċjali u n-negozjar kollettiv, l-akkwist pubbliku ekoloġiku jew il-kunsiderazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jiżguraw li jiġu kkunsidrati kriterji oħra fis-sejħiet għall-offerti, apparti l-prezz, bħal aspetti soċjali u sostenibbli, għall-offerent bl-aħjar offerta;




jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu garantiti eżenzjonijiet mil-leġislazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, kif inhu previst attwalment għad-diversi direttivi dwar l-akkwist pubbliku (livelli limitu, "in-house", kooperazzjoni intermuniċipali, eżenzjonijiet settorjali bħal perżempju s-settur tal-ilma jew għas-servizzi tas-salvataġġ fid-Direttiva dwar il-konċessjonijiet tas-servizzi)




jilqa' l-fatt li l-Ftehim ta' kummerċ ħieles tal-UE jinkludi għall-ewwel darba kapitolu dedikat għall-SMEs, u jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li t-TTIP għandha l-għan li tiffaċilita, b'mod partikolari għall-SMEs, l-aċċess għas-suq rispettiv kif ukoll għall-kummerċ u l-investiment fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku b'mod speċjali billi jitnaqqsu l-ostakli kummerċjali nontariffarji, li huma ta' piż kbir l-iżjed għall-SMEs;




jenfasizza li b'mod partikolari għall-SMEs, id-dazji doganali, ir-rekwiżiti amministrattivi eċċessivi u l-proċeduri onerużi ta' kontroll u ta' konformità jimponu piżijiet u spejjeż sproporzjonati, li sikwit iwasslu biex jiġi evitat il-kummerċ ma' msieħba mill-Istati Uniti. Fl-Unjoni Ewropea jeżistu aktar minn 20 miljun SMEs li jimpjegaw żewġ terzi tal-ħaddiema fis-settur privat. It-tneħħija prevista tal-ostakoli tariffarji u nontariffarji li jfixklu l-aċċess għas-suq u l-kummerċ tista' toffri possibbiltajiet aħjar ta' esportazzjoni għall-SMEs u b'hekk tiftaħ il-bieb għal aktar opportunitajiet ta' impjieg;




jafferma li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Ewropa huma kontra l-kultivazzjoni, l-importazzjoni u l-ipproċessar tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM);




jitlob li jiġu previsti regoli speċjali għas-settur agrikolu sabiex tiġi projbita l-importazzjoni ta' ċerti prodotti fl-UE. Dan jikkonċerna l-aktar il-prodotti li ma jikkonformawx mad-Direttiva dwar it-Tikkettar, il-prodotti li fihom jew huma magħmula minn OĠM, l-annimali injettati b'ormoni tat-tkabbir u t-tqegħid fis-suq ta' ikel li ġej minn annimali klonati. L-istess jgħodd ukoll għall-ikel trattat b'sustanzi projbiti fl-UE;




jenfasizza li l-bijodiversità agrikola hija l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ftehim ippjanat tat-TTIP m'għandux jillimita d-disponibbiltà tal-varjetajiet antiki ta' żrieragħ, ifaqqar l-għelejjel tar-raba' tradizzjonali tagħna u lanqas m'għandu jxekkel l-agrikoltura ta' kwalità u ekoloġika;




jappella biex jiddaħħal kapitolu speċifiku dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi (GIs) li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' sistema ta' għarfien reċiproku tad-deżinjazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti, kif ukoll regoli li jiggarantixxu livell raġonevoli ta' ħarsien għal GIs fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet permezz ta' indikazzjoni speċifika tal-użu ġeneriku tal-isem ta' prodott u/jew il-post ta' produzzjoni;




jenfasizza b'mod espliċitu li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipji għandhom iżommu l-possibbiltà li jadottaw kwalunkwe miżura regolatorja jew finanzjarja biex jipproteġu jew jippromovu d-diversità kulturali, il-libertà, u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll biex jippreservaw jew jiżviluppaw servizzi awdjoviżivi jew servizzi relatati oħra sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà, indipendentement mit-teknoloġija użata jew mill-pjattaforma ta' distribuzzjoni;




jesprimi t-tama li, fid-dawl tal-impatt globali tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, il-partijiet fin-negozjati jesprimu ruħhom favur regoli kummerċjali ġusti u sostenibbli, li ma jmorrux kontra l-isforzi mnedija rispettivament mill-UE u l-Istati Uniti fil-qafas tal-politiki tagħhom ta' żvilupp biex itejbu s-sitwazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda li jiġu implimentati f'perspettiva ta' responsabbiltà u ta' solidarjetà internazzjonali fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi;




jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar, tiġi analizzata, evalwata u ġestita data komprensiva u komparabbli li tippermetti li jiġi previst u joħroġ fid-dieher l-impatt tat-TTIP fuq il-livell reġjonali, muniċipali u lokali sabiex fil-futur jiġu ffaċilitati l-previżjonijiet ekonomiċi u l-istimi statistiċi, u f'dan ir-rigward jiġi ppubblikat studju ibbażat fuq ix-xjenza.

Brussell, …


II. PROĊEDURA


Titolu

Is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)

Referenza

Mhux applikabbli

Bażi legali

Artikolu 307(4)

Bażi għal proċedura

Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja (Artikolu 41(b)(ii))

Data tal-ittra tal-Kummissjoni

Mhux applikabbli

Data tad-deċiżjoni tal-Bureau

12 ta' Settembru 2014

Kummissjoni kompetenti

Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali (ECOS)

Relatur

Is-Sur Markus Töns (DE/PSE), Membru tal-Landtag ta' Nordrhein-Westfalen

Nota ta' analiżi

20 ta' Ottubru 2014

Analiżi fil-kummissjoni

17 ta' Diċembru 2014

Data tal-adozzjoni mill-kummissjoni

17 ta' Diċembru 2014

Riżultat tal-votazzjoni fil-kummissjoni

(B'maġġoranza, b'unanimità)

B’maġġoranza

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

Prevista għall-11-13 ta' Frar 2015

Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat



Data tal-konsultazzjoni tan-netwerk għall-monitoraġġ tas-sussidjarjetà

Mhux applikabbli

_____________



COR-2014-05385-00-00-PAC-TRA (EN) /3


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©anasahife.org 2016
rəhbərliyinə müraciət